Matul is-sena d-dieħla kull lokalità se tkun koperta b’servizz tal-Pulizija tal-Komunità. Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, qal li bħalissa 76 fil-mija tal-bliet u rħula jinsabu koperti b’dan is-servizz.
Il-Forzi Armati se jkomplu bl-investiment f’faċilitajiet ġodda għat-taħriġ kif ukoll f’investiment masiċċ fl-iskwadra tal-ajru. Bħalissa, il-FAM tinsab għaddejja wkoll bl-aħħar preparamenti biex tiġi akkomodata l-akbar lanċa li se jkollha u li mistennija tasal f’pajjiżna lejn l-aħħar ta’ din is-sena.
Is-sezzjoni marittima tal-Forzi Armati se tkompli tissaħħaħ permezz ta’ lanċa ġdida tat-tifi tan-nar għal dgħajjes zgħar u medji u tipprovdi l-ewwel intervent fuq nirien ta’ bastimenti kbar.
Intant, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wkoll se jkompli bl-investiment infrastrutturali tiegħu. Fix-xhur li ġejjin, mistennija jaslu aktar vetturi speċjalizzati tat-tifi tan-nar u salvataġġ. Fost dawn hemm vetturi tat-tifi tan-nar domestiċi u industrijali, vettura tal-HAZMAT, u trailer speċifiku għall-vetturi elettriċi.