Bħalissa fl-iskejjel primarji kollha tal-Gvern, Knisja u dawk indipendenti, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qed iqassam aktar minn 9,000 two-in-one devices, jiġifieri laptop u tablet f’daqqa, lill-istudenti tar-Raba’ u l-Ħames Sena.
Dan tħabbat fi żjara li l-Ministru responsabbli Clifton Grima għamel fil-Kulleġġ San Tumas More, Nazzareno Farrugia Skola Primarja B, fil-Fgura.
“Qegħdin nibnu fuq it-tajjeb li diġà kien hemm u saħansitra qed intejbuh għaliex filwaqt li l-istudenti tar-raba sena kienu jingħataw tablet, ħassejna ħtieġa li nevovlu u nagħtu dan id-device li għandu benefiċċji li jixbhu lil dawk tat-tablet imma anke tal-laptop.”
Il-Ministru Clifton Grima
Sa issa diġà tqassmu ftit inqas minn elfejn minn dan it-tagħmir diġitali, u l-kumplament se jkunu tqassmu kollha sax-xahar id-dieħel.
Fil-jiem li ġejjin ukoll se tkun imnedija l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali, li l-għan tagħha jagħqad u huwa konsolidat fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030. Din l-Istrateġija tipprovdi l-qafas neċessarju għall-adozzjoni ta’ ħiliet diġitali tas-seklu 21, speċjalment dawk ta’ tħejjija diġitali, benesseri diġitali, u ċittadinanza diġitali.

Bit-tqassim ta’ dan it-tagħmir diġitali u wkoll b’dak li hemm kemm fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni u l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali, il-ministeru qed ikompli jirrikonoxxi t-trasformazzjoni diġitali li qed isseħħ u għalhekk qed ikompli jisħaq fuq l-importanza li l-istudenti jiksbu ħiliet ta’ ċittadinanza diġitali.