Daħal fit-tieni jum tiegħu l-ġuri kontra Michael Emmanuel mill-Kosta tal-Avorju, li qed jiġi akkużat bil-qtil tas-sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius fl-elfejn u tmintax.
Fil-ġuri ppresedut mill-Imħallef Aaron Bugeja, xehed l-ispettur Conrad Ellul, li qal kif il-mara kienet instabet mejta fil-kamra tas-sodda tal-appartament tagħha f’Raħal Ġdid, u li l-awtopsja kienet ikkonfermat li mietet fgata.
Xehed ukoll is-Supretendent Arnold Cassar, li qal li meta seħħ il-qtil, l-akkużat ried jitkellem mal-Pulizija iżda ma riedx l-għajnuna ta’ avukat.
Fit-tieni jum tal-ġuri, xehdet omm il-vittma, Mary Agius.
Hija qalet li wara l-lejl li fih seħħ il-qtil, l-akkużat qalilha li Maria Lourdes marret tixtri. Qalet li meta kien qed jipprepara l-ħalib għat-tarbija, marret fil-kamra tas-sodda għax m’emmnitux u sabet lil bintha mejta, mgħottija b’kutra.
Meta ntalbet biex tidentifika lill-akkużat, omm il-vittma ġiet emozzjonata u ma felħitx tħares lejh.