Xhud li ra l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, stqarr li raha ppanikjata wara l-isteering u tgħajjat qabel splodiet il-bomba.
Dan ħareġ mill-ġuri b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia lura fl-2017, li qed jiġi ppresedut mill-Imħallef Edwina Grima. Dan huwa ġuri storiku, hekk kif l-erba’ akkużati qed jiġu mixlija b’żewġ omiċidji separati – dak ta’ Caruana Galizia, u dak tal-Avukat Chircop li nqatel fl-2015.
Ix-xhud, stqarr li ra bħal nar żgħir taħt il-karozza – filwaqt li l-mara kienet konxja ta’ li kien qed jiġri madwarha u għajtet. Huwa qal, li l-karozza mbagħad taret fl-ajru, resqet lejh u spiċċat fir-raba’ – madwar 10 piedi ‘l bogħod minnu. Stqarr jgħid li anke t-tank tal-fuel tal-karozza wkoll spiċċa ħdejh – fejn qal li baqa’ mwaħħal mal-isteering meta raha ppanikjata.
Żied jgħid li huwa kien taħt xokk, u meta waslet mara b’tifel fil-karozza magħha, huwa qalilha biex issejjaħ lill-Pulizija.
Kien hawn li wasal Matthew Caruana Galizia – iben il-vittma, fejn ix-xhud qal li m’għarfux hekk kif kien taħt xokk, tant li staqsih jekk jafx ta’ min hi l-karozza. Huwa nduna, meta rah fejn il-karozza.
Ix-xhud qal kif mal-arti kien hemm partijiet umani, maħruqa u mqatta’.
Stqarr jgħid li kien hemm partijiet mill-katavru fit-triq, u waqqaf il-karozzi milli jgħaddu minn fuqhom sakemm waslu l-Pulizija u l-esperti.
Xehed ukoll xhud ieħor, li jgħix fil-qrib ta’ fejn il-qattiela kienu jissorveljaw id-dar ta’ Caruana Galizia fil-Bidnija – fejn qal li kien ra xi karozzi fiż-żona li ma tantx hi normalment iffrekwentata min-nies.
Stqarr kif l-aħħar li ra din il-karozza kien dakinhar tal-isplużjoni, filwaqt li darba huwa ra raġel fil-karozza, li baqa’ mwaħħal meta rah miexi lejh. Intqal li kien ikun hemm żewġ karozzi.
Xehdet ukoll martu, li qalet li peress li jgħixu waħidhom fl-inħawi, mhuwiex normali li karozza ddum ipparkjata u għalhekk qajmet suspett.
Minkejja dan huma m’għamlux rapport.
Waqt ix-xhieda, l-Avukat tal-allegat mandant ta’ dan il-qtil, Yorgen Fenech, Charles Mercieca, deher dieħel fl-Awla.