F’konferenza li għaliha kien hemm preżenti rappreżentanti minn kull kunsill lokali f’Malta, ġie mniedi aktar makkinarju li jaħdem bl-elettriku biex issa jiżdied ma’ dawk li diġà bdew jintużaw.
Permezz ta’ dan il-makkinarju, qed jiġi żgurat proċess ta’ ndafa pubblika aktar effiċjenti u inqas strapazz fuq il-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni.
It-tnedija saret mis-Segretarju Parlamentari responsabbli, Glenn Bedingfield, fil-preżenza tad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni, Ramon Deguara.

Fl-aħħar sentejn, ġew investiti kważi €17-il miljun biex b’hekk ġew mixtrija aktar minn 160 biċċa makkinarju ġdid. Aktar minn 90% minnhom jaħdmu bl-elettriku, f’pass ċar lejn prattiċi aktar sostenibbli u favur l-ambjent.
Fost it-teknoloġiji l-ġodda, ġew introdotti wkoll robots marittimi li se jgħinu fit-tindif tal-ibħra tagħna, intiżi biex itejbu l-kwalità tal-ambjent marittimu f’pajjiżna.
Id-Direttur Ġenerali Ramon Deguara spjega kif l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda hi investiment dirett fil-futur tas-servizzi pubbliċi tagħna u elenka kif it-teknoloġija se tkun dejjem għodda f’idejn il-ħaddiema biex ikomplu jagħtu servizz aħjar u aktar sostenibbli lill-komunità.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari spjega l-importanza ta’ sforz kollettiv biex lil pajjiżna nieħdu ħsiebu, għax l-indafa ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u ġġib il-progress.
“Il-kunsilli lokali huma l-partners tagħna fil-lokalitajiet. Aħna rridu pajjiż isbaħ, pajjiż aħjar, pajjiż iktar nadif, pajjiż li joffri kwalità ta’ ħajja aħjar. Aħna, b’dak li qegħdin nagħmlu llum, għalina, hu l-punt tat-tluq. Irridu naħdmu llum, imma fl-istess waqt naħsbu għal għada wkoll.”
Segretarju Parlamentari, Gelnn Bedingfield
