Il-Pulizija ssejjħu biex jikkontrollaw protesta fi skola f’North Yorkshire, wara regoli ġodda li ma jippermettux li l-istudenti jmorru toilet aktar minn darbtejn kuljum.
L-uffiċjali tal-Pulizija ġew imsejħa wara li aktar minn 40 student ħarġu fil-grawnd tal-iskola, l-Ġimgħa filgħodu, bi protest kontra dawn ir-regoli kontroversjali fl-iskola Bedale.
Il-ġenituri kritikaw l-iskola wara li ġew infurmati li 580 student setgħu jagħmlu użu mit-toilet bejn il-11.05am u 11.25am u bejn il-12.25pm u l-12.45pm.
Liema deċiżjoni qed tiġi deskritta li tmur kontra d-drittijiet umani, iżda l-amministrazzjoni tal-iskola qalet li t-toilets huma aċċessibbli aktar, meta ssir talba minn dawk l-istudenti li jkollhom nota minn għand it-tabib biss.
Omm studenta, spjegat li t-tifla tagħha ma tħallitx tuża t-toilet wara l-12.45pm minkejja li kellha ddum aktar l-iskola.
Din il-kwistjoni għadha ma ġietx solvuta, u l-Pulizija stqarret li ma setgħetx tagħmel wisq f’dan ir-rigward.