Joseph Galea irriżenja b’mod uffiċjali minn kunsillier Nazzjonalista, biex issa huwa kunsillier indipendenti. Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li Galea rriżenja minħabba raġuni ‘personali’.
Iżda nafu bħala fatt li Galea ma rriżenjax għal raġuni personali. Tant li malli rriżenja, sħabu l-kunsilliera sakkruh barra mill-uffiċju bla kliem u bla sliem, tant li kellu jinsisti biex jieħu l-oġġetti personali tiegħu.
Joseph Galea kellu kwistjoni interna taħraq qabel l-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fl-2015. Il-Partit Nazzjonalista dam ħafna ma’ kkonferma l-kandidati tiegħu, u lil Galea ħallewh għall-aħħar. Sorsi qrib tal-kunsill qalulna li spiss kien ikollu kwistjonijiet fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista, għalkemm Galea huwa maħbub minn-nies ta’ Ħal Balzan.
Sorsi qalulna li Galea huwa kunsillier ħabrieki, iżda l-kunsilliera l-oħra, f’Kunsill b’maġġoranza kbira Nazzjonalsita, dejjem warrbuh.
Meta kienu qed jingħaddu l-voti fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli, faqqgħat ġlieda kbira bejn Galea u l-kelliem Nazzjonalist għall-Gvern Lokali David Agius, tant li kellhom jinħarġu ‘l barra mis-sala tal-għadd tal-voti. Sorsi qalulna li Galea jemmen li Agius iffavorixxa lill-Andre Galea biex dan sar Viċi Sindku – kariga li Galea kien jokkupa qabel.
Il-Kunsill, b’xi mod, baqa’ jaħdem f’din it-tensjoni. Sorsi qrib il-Kunsill qalulna li l-arja tqila kompliet tgħaddad meta iben Joseph Galea, li jismu Gart, kien nominat biex jingħata Ġieħ Ħal Balzan, f’serata li għandha ssir nhar it-tlieta ta’ Ġunju.
Iżda l-kunsilliera vvotaw li minħabba kumment li Gart kiteb fuq Facebook, m’għandux jingħata dan il-ġih. Meta ttieħed vot, l-unika kunsillier Laburist f’Ħal Balzan u Joseph Galea astjenew, iżda it-tliet kunsilliera l-oħra vvotaw kontra li Gart jingħata l-ġieħ. Din kienet iċ-ċirasa fuq il-kejk ta’ Galea, li ddikjara li se jirriżenja.
Iżda l-kbir kien għadu ġej. Joseph Galea minn dejjem kien jaħdem mill-uffiċju tas-Sindku, għaliex huwa nkarigat minn xogħolijiet fuq barra. Meta ħabbar li mhux se jibqa fil-Kunsill bħala parti mill-Partit Nazzjonalista, il-kunsilliera Nazzjonalisti sakkruh barra. Tant li kellu jgħidilhom li kien se jġib lill-Pulizija, għaliex ġol-uffiċju kellu oġġetti personali.
Fuq il-fatt li Galea ssakkar barra kiesaħ u biered, ikkumenta Mario Frendo, ġurnalist tal-Media.Link minn Ħal Balzan.
“Jimxu politikament, kollox politika. Piki biss” – hekk stqarrew magħna sorsi qrib tal-Kunsill.
B’hekk mhu veru xejn li l-Kunsillier Nazzjonalist irriżenja minħabba xewqa jew raġuni personali tiegħu, imma kienet klikka b’ħafna arja li ġiegħlitu jieħu pass lura u jagħżel it-triq indipendenti.