Raġel akkużat li kien kompliċi f’serqa ta’ mutur tal-Pulizija lejliet l-ewwel tas-sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.
Yulian Angelov Dimitrov, Bulgaru ta’ 25 sena, twaqqaf mill-Pulizija tat-traffiku f’road-block għall-ħabta tad-9.30pm flimkien ma’ żewġt irġiel oħra, iżda allegatament ħarab minn fuq il-post.
Il-prosekuzzjoni spjegat li ż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija rnexxilhom isibu lill-akkużati fi Triq Xintill, Ħal Tarxien. Iżda fil-mument li l-Pulizija kienu qed jarresstaw lill-maħruba, it-tielet raġel ħarab minn fuq il-post bil-mutur tal-Pulizija.
Kien f’dak il-mument li wieħed mill-uffiċjali tal-Pulizija beda it-tfittxija tiegħu għall-maħrub, filwaqt li l-uffiċjal l-ieħor irnexxielu jżomm arrestat wieħed mill-irġiel. Ir-raġel l-ieħor irnexxielu jaħrab mill-kustodja tal-Pulizija u għadu mfittex, filwaqt li l-mutur misruq instab abbandunat mill-Pulizija.
Dimitrov ġie akkużat mill-Maġistrat Antonio Micallef Trigona li kien kompliċi f’serq aggravat, u li b’mod vjolenti rressista mill-arrest u ma osservax l-ordnijiet tal-Pulizija filwaqt li kellu fil-pussess tiegħu kokaina u kannabis x’ħin ġie arrestat. Huwa ġie akkużat ukoll li rrifjuta milli jagħti d-dettalji veritiera tiegħu lill-uffiċjali tal-Pulizija u li ddeċieda li jikkopera biss meta nstabet l-informazzjoni tiegħu mill-marki tas-swaba.
Il-Qorti tagħtu liberta proviżorja fuq depożitu personali ta’ €5,000.