Avtandil Rusia 37 sena mill-Ġorġja nżamm arrestat wara li ġie akkużat li seraq b’kollox madwar €20,000 – li jvarjaw minn flus kontanti, ġojjellerija, fwieħa, flixken tal-whiskey fost oħrajn.
Huwa wieġeb mhux ħati.
L-akkużat qal li jaħdem bħala xufier u m’għandux indirizz fiss.
Huwa ġie akkużat li wettaq sitt serqiet minn residenzi privati fir-Rabat, Ħ’Attard, is-Swieqi, San Ġwann, Ħaż-Żebbug u Ħal Qormi. Serqiet li wettaqhom bejn is-17 ta’ Ottubru u d-29 ta’ Ottubru.
Il-prosekuzzjoni tnexxiet mill-ispettur Mario Xiberras, Shawn Pawney u Leroy Balzan Engerer.
L-Ispettur Mario Xibberas qal li minn filmati tas-sigurtà mill-postijiet fejn saru s-serqiet u anki minn informazzjoni li waslet għand il-Pulizija, il-Pulizija waslet għall-akkużat.
Il-Pulizija minn tfittxija li għamlet fl-appartament f’San Giljan u fil-vettura tiegħu fejn instabu xi affarijiet li ġew irraportati misruqin bħal fwieħa u ġojjellerija. Huwa ġie arrestat il-Ġimgħa.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin, bil-Pulizija ma teskludix li huwa imdaħħal fi kriminalità organizzata.
Il-Maġistrat Victor Axciak ordna sabiex jinżamm arrestat. Il-każ ġie differit għall-25 ta’ Novembru.