- Jgħidu li għandhom b’€25 miljun meta għandhom BI €13.9 miljun
Quddiem kriżi finanzjarja mingħajr preċedent l-establishment tal-Partit Nazzjonalista għamel sforz biex juri lill-partitarji li minkejja li żdiedu d-djun il-partit għandu biżżejjed assi biex jagħmlu tajjeb għal dak li jista’ jinqala’.
Fi kliem ieħor biex iwassal il-messaġġ li jekk hemm bżonn iktar x’jinbiegħ dan ikun jista’ jsir fiż-żmien li ġej għax hemm minn fejn.
Biex għamel dan ma’ The Malta Independent il-Partit Nazzjonalista qal li għandu assi li jlaħħqu l-valur ta’ €25 miljun, iżda l-kontijiet ippreżentati quddiem il-Kummissjoni Elettorali stess juru mod ieħor.
Fil-fatt jirriżulta li l-binjiet li għandu l-Partit Nazzjonalista jiswew kważi €13.9 miljun. Dan huwa kwazi n-nofs tal-figura ta’ aktar minn €25 miljun li l-establishment Nazzjonalista qiegħed jipprova jxerred mal-midja.
Fil-fatt bir-rata ta’ telf li kellu l-Partit Nazzjonalista, u speċjalment il-Medialink, l-assi tal-Partit ftit li xejn joffru sostenn fit-tul. Fil-fatt fl-2015 u fl-2016 il-Partit tilef €4.1 miljun, jew kważi kwart tal-valur tal-binjiet kollha li għandu. Kien biss grazzi ta’ self akbar, li l-Partit ma kienx kostrett ibigħ aktar każini.
Quddiem dan kollu issa nħoloq ukoll kunflitt dwar l-istrateġija ’l quddiem. Chris Said qed jagħmilha ċara li dak li għamlu l-President tal-Eżekuttiv Ann Fenech, it-teżorier Alex Perici Calascione u l-Kap Simon Busuttil meta biegħu l-każini ma jaqbilx miegħu u saħansitra għamilha ċara li kien hemm konvenju ta’ każin li ma ffirmax għax hu ma jaqbilx li jinbiegħu l-każini li tant ikunu ħadmu għalihom l-attivisti. Fil-fatt il-każini jissemmew ukoll fir-rapport tat-telfa tal-2013, rapport li kien qal li l-każini għandhom isiru ċentri iktar attivi għaliex kien hemm bżonnhom għall-Partit Nazzjonalista. Iżda minflok, it-tmexxija imbarkat fuq proġett li tbigħhom.
Kienet din il-gazzetta li fl-aħħar ġimgħat żvelat b’analiżi dettaljata s-sitwazzjoni mwiegħra li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista. U minn mindu kienet ippubblikata din l-analiżi din saret sors ieħor ta’ kunflitt u inkwiet fil-Partit Nazzjonalista.
Fost oħrajn irriżulta kif is-sena li għaddiet il-Partit Nazzjonalista għamel telf ta’ €1.6 miljun, jew saħansitra aktar mid-dħul totali. Jiġifieri filwaqt li l-Partit daħħal €1.4 miljun, nefaq mat-€3 miljun. Fl-2015 it-telf tal-Partit kien laħħaq €2.5 miljun.
Ta’ Chris Said qed jattakkaw ukoll lil Rosette Thake, li Simon Busuttil kien daħħal bħala Segretarja Ġenerali biex lil Said kien reġa’ bagħtu Għawdex għax rah bħala theddida. Ta’ Said qed jgħidu li wara l-isforzi li saru fis-sentejn ta’ tmexxija ta’ Chris Said l-amministrazzjoni addottat politika ta’ money no problem u llum is-sitwazzjoni marret għall-agħar.