Ħadd ma ndarab fi splużjoni ta’ ċilindru tal-gass li seħħet f’parapett ta’ residenza fi Triq Żnuber f’Ħ’Attard.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħdax neqsin kwart tal-Ħamis filgħaxija.
Ritratti mibgħuta lil ONE News minn residenti li jgħixu tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod minn fejn seħħet l-isplużjoni, juru li l-bini ġarrab ħsarat strutturali kbar.
Bħala prekawzjoni, il-Pulizija evakwat numru ta’ residenzi, għalqet it-triq, u ssejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ambulanza b’tim mediku mill-Isptar Mater Dei.
Aktar tard kien ikkonfermat li ma kienx hemm iżjed periklu u t-triq infetħet għat-traffiku.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali, u l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet.