Waqt kollegament virtwali fuq il-programm Paperscan fuq ONE, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali, Mark Musù, iċċara l-fatti dwar il-każ ta’ abbuż minn benefiċċji soċjali.
Musu tenna li l-każ li semma l-Prim Ministru, dak ta’ sentejn ilu, kien wieħed ta’ sitwazzjoni li għaliha l-persuna applikat ma kinitx l-istess benefiċċju li jitħallas minn dan il-Ministeru.
Qal, “Il-Ministeru tal-Politika Soċjali ma kienx jaf b’dan il-każ li ġew iffaċċjati bih l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, minħabba li l-każ ġie riferut lill-Pulizija, il-Pulizija naturalment torbot li inti ma tistax tagħti informazzjoni dwar dan il-każ.”
Hu qal li l-istess ġara f’Settembru tas-sena l-oħra, meta l-Ministeru kellu każ quddiemu.
Qal, “Aħna konna ndunajna b’ċertifikati mediċi li dehru li kienu ffalsifikati u b’dan infurmajna lill-Pulizija immedjament u bdew jinvestigaw. L-istess dakinhar, il-Pulizija qalulna titkellmu xejn dwar dan, inkellmukom aħna meta jkun il-waqt. Sussegwentament, imbagħad f’Diċembru tal-2022, il-Pulizija ġiet lura fuqna biex inwaqqfu l-benefiċċju ta’ sitt persuni, minn dawn hemm sbatax-il persuna li kienu dehru suspettużi. Irrid ngħid li l-ħdax l-oħra rnexxielna nipprevenuhom u nżommuhom aħna, mingħajr ma bdew jieħdu benefiċċju, jiġifieri hawnhekk qed nuri l-proċessi tagħna jaħdmu wkoll.”
Intqal li l-Ministeru qed jikkopera mal-Pulizija fejn anki ntbagħtet lista sħiħa ta’ nies li jieħdu dan il-benefiċċju.
Musù tkellem ukoll dwar il-bord indipendenti, fejn intqal li l-membri tiegħu ntagħżlu fuq għażla tal-kompetenza tagħhom.
Qal, “Dan il-bord li jevalwa l-proċessi tagħna kien ippjanat li ħa jsir malli l-Pulizija tlesti l-investigazzjoni tagħha, għax aħna dejjem ridna li ma nfixklux l-investigazzjoni tal-Pulizija u l-iskop tal-Bord mhux li jinvestiga fejn jerġa’ jinvestiga dak li qed jinvestigaw il-Pulizija. L-iskop tal-bord hu li jevalwa l-proċessi tagħna u jekk hemm forsi xi loophole jew nuqqasijiet, fejn il-proċess jista’ jitjieb u jsir aħjar, biex kemm jista’ jkun ma jkollniex dan it-tip sofistikat, irrid ngħid, ta’ abbuż.”