Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi ddeċieda li jinjora għal kollox mistoqsijiet mibgħuta minn ONE News, wara li din il-ġimgħa, l-istess Azzopardi ddeċieda li jxerred informazzjoni fażulla dwar il-każ ta’ Aldo Cutajar, biex imbagħad kien imgiddeb b’mod flagranti bil-fatti.
Minkejja dan, Jason Azzopardi baqa’ ma rtirax l-istqarrija u wisq anqas talab skuża.
Huma diversi l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista li qegħdin jagħmlu pressjoni biex iġiegħlu lis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar jirreżenja, minkejja li l-fatti fil-każ ta’ ħuh ġew iċċarati.
Il-pjan ta’ pressjoni għar-riżenja sfuma fix-xejn malli ġew ippubblikati l-fatti kollha mill-Gvern, li wrew kif il-Kap taċ-Ċivil qatt ma seta’ kellu sehem fl-ingaġġ ta’ ħuh.
Il-gazzetta Kullħadd spjegat kif dan l-inċident iqanqal il-memorja ta’ każijiet kriminali ta’ attentat ta’ qtil b’karozza bomba u stupru ta’ minorenni li kienu jinvolvu lill-aħwa tad-deputati Nazzjonalisti Therese Comodini Cachia u Chris Said iżda dak iż-żmien ħadd ma talab għal riżenji.
Mill-fatti ppubblikati rriżulta li l-interdizzjoni fuq Aldo Cutajar kienet tneħħiet mill-Qorti fl-2005 u kien l-istess Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi li Jason Azzopardi kien jagħmel parti minnu, li saħansitra approva r-rakkomandazzjoni ta’ tneħħija mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Minnhom irriżulta saħansitra li mhux biss l-interdizzjoni fuq Aldo Cutajar kienet tneħħiet mill-Qorti fl-2005 stess, iżda l-istess Gvern Nazzjonalista dak iż-żmien kien approva rakkomandazzjoni simili tliet xhur wara.
Is-sett ta’ mistoqsijiet ta’ ONE News lil Jason Azzopardi dwar l-istqarrija miżgħuda bil-gideb, intbagħtu fuq żewġ emails differenti iżda spikka għall-aħħar is-skiet tad-deputat Nazzjonalista.