Fil-messaġġ tiegħu fl-“Urbi et Orbi” mill-gallarija prinċipali tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, ir-ragħaj tal-Knisja Kattolika, il-Papa Franġisku qal li minkejja d-dlam fir-relazzjonijiet personali, familjari u soċjali, id-dawl ta’ Kristu hu iktar qawwi.
Fil-messaġġ tiegħu f’Jum il-Milied, il-Papa appella għall-paċi.
Hekk kif għajnejn il-Kattoliċi qegħdin fuq Betlem, fejn f’dawn il-ġranet jirrenjaw biss dulur u silenzju, il-Papa fakkar lin-nies li llum twieled is-Salvatur.
Huwa appella biex il-mexxejja kollha madwar id-dinja jwaqqfu ħesrem il-produzzjoni tal-armi u jikkundannaw l-indifferenza u l-ipokrezija.
“Ejja ma nkomplux inkabbru l-vjolenza u l-mibegħda, imma nimxu lejn soluzzjoni għall-gwerra permezz ta’ djalogu sinċier u perseveranti permezz ta’ rieda politika qawwija u l-appoġġ tal-komunità internazzjonali”, saħaq il-Papa Franġisku.
Huwa stieden lill-poplu kollu biex jitlob għall-paċi fil-Palestina u Israel, kif ukoll, għas-Sirja u l-Yemen. Huwa talab ukoll għall-poplu fil-Libanu, u għall-paċi bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan.
Qal, “Oggi, come al tempo di Erode, le trame del male, che si oppogono alla luce divina, si muovono nell’ombre dell’ipocrisia e del nascondimento quante stragi armate avvengono in un silenzio assordante, all’insaputa di tanti! La gente, che non voule armi ma pane”.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika temm l-indirizz tiegħu billi appella biex f’dawn iż-żminijiet dejjem inwieġbu bil-ferħ għall-istedina tal-Mulej u niftakru f’xulxin.