Grupp Ġappuniż spiċċaw għand il-Pulizija wara li ikla bażika ġiet tiswihom €1,145 f’ristorant f’Venezja.
L-istudenti mill-Universita’ ta’ Bologna qalu li ordnaw tlett platti laħam u ħut mixwi mir-ristorant Osteria da Luca qrib il-Pjazza ta’ San Mark.
B’tazza ilma għal matul l-ikla, il-grupp baqa’ ċċassat kif meta ġie l-kont spiċċaw kellhom iħallsu s-somma ta’ €1,145.
Persuni li żaru l-istess ristorant u ħallew x’jaħsbu fuq sit onlajn, sostnew li wieħed irid joqgħod attent meta jixtri l-ikel għax il-prezz hu skont l-użin.
Intant sid ir-ristorant sostna li hu ma kellu ebda kritika minn persuni Ġappuniżi, filwaqt li oħrajn qalu li jekk din l-aħbar hi vera – hi xi ħaġa tal-mistħija u tista’ titniżżel fost l-episodji komuni ta’ sidien ta’ negozji li ppruvaw jisirqu lit-turisti.