Bysshe Jan Lerych li għandu 33 sena u li huwa oriġinarjament minn l-Istati Uniti iżda joqgħod tas-Sliema, ngħata sentenza ta’ probation għal sentejn.
L-imputat ttela’ b’urġenza l-qorti fl-Għid il-Kbir akkużat bi vjolenza domestika fuq martu.
Fil-Qorti ħareġ li kien hemm żewġ episodji ta’ vjolenza f’qasir żmien fejn martu sofriet ġrieħi ħfief u hu sofra ġrieħi superfiċjali.
L-uffiċjal prosekutur spjega li kemm il-vittma kif ukoll l-akkużat għandhom problema ta’ xorb u stqarr li fiż-żewġ episodji kien hemm ħjiel ta’ provokazzjoni.
Viżibbilment aġitat, l-imputat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh. Il-Qorti imponiet ordni ta’ trattament għal sentejn u ordnatlu biex ma jersaqx lejn martu għat-tliet snin li ġejjin.
L-avukat tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace deher għall-akkużat filwaqt li l-ispettur Colin Sheldon kien qed jipprosekwixxi.