Il-Pulizija arrestat raġel ta’ madwar 31 sena wara li spara għadd ta’ tiri fid-direzzjoni ta’ missieru fil-Għargħur.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-09:30 tat-Tlieta filgħodu fi Triq San Ġorġ fil-Għargħur.
Hekk kif seħħ il-każ, il-Pulizija marru fuq il-post fejn mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li kienet seħħet sparatura wara li għall xi raġuni qam argument bejn missier u iben. Hu mifhum li l-iben li għandu 31 sena u resident il-Għargħur stess, allegatament spara xi tiri fid-direzzjoni ta’ missieru.
Konsegwenza ta’ dan, il-vittma, Mosti li għandu 58 sena ittieħed l-isptar għall-kura fejn iżjed tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief.
ONE News jinsab infurmat li hekk kif seħħet l-isparatura, is-suspettat telaq minn fuq il-post iżda ġie arrestat wara tfittxija intensiva li saret minn għadd ta’ membri tar-Rapid Intervention Unit. Sa issa għadu qed jinżamm għal iżjed stħarriġ.
Fuq il-post fejn seħħ l-inċident hemm għadd ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija fosthom dawk mid-Dipartiment tal-Forensika u oħrajn mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet.