In-numru ta’ turisti f’Ġunju spara ‘l fuq b’19.4% meta mqabbel ma’ Ġunju tas-sena li għaddiet. Biex din is-sena kompliet turi xejriet pożittivi f’dan is-settur kruċjali għall-ekonomija Maltija.
Tul is-sitt xahar tas-sena waslu Malta 189,687 turist għal btala u 21,015 fuq xogħol. Biex it-total ta’ persuni li żaru pajjiżna laħħaq il-232,193. Dan ifisser li l-iljieli żdiedu b’9.6% mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet u għalhekk laħqu l-1.6 miljun lejl. B’kollox it-turisti nefqu €193.7 miljun, żieda ta’ 14.3% fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet.
Dan ir-riżultat ifisser li fl-ewwel sitt xhur tas-sena pajjiżna kien biss ftit bogħod milli jilħaq il-miljun turist, b’wasliet ta’ 990,182. Żieda ta’ 19.3% fuq l-ewwel sittu xhur tas-sena li għaddiet.
Fl-ewwel sitt xhur tas-sena n-nefqa tat-turisti f’Malta laħqet is-€753.7 miljun.
Żieda ta’ 14.8% fuq dak irreġistrat is-sena ta’ qabel.