Dawk kollha li segwew l-attività politika tal-Partit Nazzjonalista tal-Ħadd filgħodu u li fiha tkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, assistew għal mument li fih l-istess Kap spara f’saqajh stess u f’saqajn deputat ewlieni tal-establishment.
Qed nirreferu għal Beppe Fenech Adami li dlonk kien attent wara l-Kap jisma’ d-diskors tiegħu fil-Għarghur stess.
Dan ġara waqt li Bernard Grech kien qed ikun mistoqsi dwar l-ambjent f’pajjiżna.
Huwa qal hekk dwar il-Għargħur.
“Ħarsu lejn dan ir-raħal ġawrha. Raħal sabiħ u ara l-iżvilupp esaġerat li sar f’dan ir-raħal.”
Madankollu Bernard Grech donnu nesa li kien Beppe Fenech Adami stess li fl-2018 ġie ordnat ineħħi illegalitajiet mill-palazz tiegħu fil-Għargur wara li l-Awtorità tal-Ippjanar remietlu applikazzjoni ta’ sanzjoni biex iwettaq xogħlijiet f’daru.
Xogħlijiet biex ikun jista’ jiżviluppa għalqa li tagħmel parti minn daru u li tinsab f’żona ODZ.
L-iżvilupp kien jinkludi fost oħrajn tiġdid u alterazzjonijiet fil-pixxina li kellu.
Minkejja dan Bernard Grech, għall-mistoqsijiet mill-ġurnalist tan-NET, qal li l-Partit Nazzjonalista għandu l-kredenzjali fil-qasam ambjentali.
Dan minkejja li dan kien l-istess Partit li b’daqqa ta’ pinna, biddel il-pjanijiet lokali tal-2006 u b’hekk medda ta’ art verġni daqs is-Siġġiewi kollu fetaħha għall-iżvilupp.
“Jekk hemm Partit li għandu kredenzjali fil-qasam ambjentali huwa l-Partit Nazzjonalista.”
Intant Bernard Grech sab il-ħin ukoll jitkellem dwar il-fiduċja ta’ pajjiżna barra minn xtutna.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ilu għaddej b’kampanja ta’ attakk fil-konfront ta’ pajjiżna issa Bernard Grech qal li jrid iġib il-fiduċja mill-pajjiżi internazzjonali għaliex hu m’għandux irbit.
Konvenjentament ma semmiex kif madwar sena ilu malli tefa’ ismu għall-kampanja ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, ħareġ li għal numru twal ta’ snin evita li jħallas it-taxxa.
Dan b’riżultat li kellu pendenzi ta’ eluf kbar ta’ ewro fi ħlas ta’ taxxa.
“Il-fiduċja li għandna bżonn bħala pajjiż internazzjonalment irridu nġibuha aħna. Irrid iġibha l-Partit Nazzjonalista, irrid inġibha jien bħala Prim Ministru ta’ pajjiżi għaliex aħna m’għandix irbit.”