L-ittestjar fuq id-DNA ta’ xejn inqas minn tlett’elef u ħames mitt katavru fir-Renju Unit wassal biex kien skopert il-mikrobu li kkawża t-tifqiegħa tal-pesta f’Londra.
Liema pesta kienet ħalliet mejta kważi kwart tal-popolazzjoni tal-belt Ingliża f’inqas minn sentejn, proprju bejn l-1665 u l-1666.
Wara snin twal ta’ riċerka, kien madwar sena ilu meta s-sejbiet bdew jippuntaw lejn il-mikrobu qattiel; bl-isem xjentifiku ta’ Yersinia Pestis.
Sejbiet li kienu kkonfermati meta espert fil-Ġermanja beda jfittex taħt is-snien t’uħud mill-katavri. Dan anki fid-dawl li s-snien huma l-organi fil-ġisem li jippreservaw l-aħjar id-DNA.
Intant l-istudji mhux se jieqfu hawn, u r-riċerka tkompli biex isir magħruf għaliex dik tas-seklu sbatax kienet l-aħħar pesta kbira.
L-iskavar li sar għar-riċerka kien qajjem bosta tħassib fost ir-residenti, li beżgħu li l-mikrobu jibda jinxtered meta jinqalgħu l-katavri. Madankollu, ix-xjentisti serħu ras il-pubbliku li dan il-mikrobu ma jibqax ħaj fil-ħamrija.