Għal tliet snin, il-Kongregazzjoni tat-Trinità Qaddisa f’Tas-Sliema ġemmgħu muniti barranin ġewwa vażett kbir li jżommu l-Knisja. Riedu jagħtu l-flus lill-Air Malta, biex il-muniti jissarfu fi flus li jgħinu lill-għaqda tal-karità tal-għażla tagħhom. Hekk kif il-vażett kwazi ntela, riedu jagħmluha qabel il Milied.
Ursula Smith, li tieħu ħsieb il-Knisja qalet li jinsabu dispjaċuti ħafna b’dak li ġara hekk kif kienu ilhom żmien twil jagħmlu din il-ġabra. “Il-flus mhux talli mhux se jmorru għal karitá talli l-valur tagħhom ma jiswa xejn f’Malta u meta dawk li serquhom se jirrealizzaw, se jarmuhom. Se nerġgħu nibdew din il-ġabra iżda mhux se tkun faċli” stqarret Smith.
Min-naħa tiegħu l-qassis Clem Upton qal li minkejja li huwa importanti li l-Knisja tibqa’ miftuħa għal dawk li jkunu jixtiequ jitolbu iżda hija ħasra li dan il-privileġġ qed jiġi abbużat.
Il-Knisja appellat biex jekk il-pubbliku jsib dan il-vażett tal-ħġieġ, jgħaddih l-għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema.