Il-plejer tal-futbol ta’ Paris Saint Germain Angel Di Maria reġa’ spiċċa vittma ta’ serqa vjolenti ġewwa d-dar tiegħu waqt li kien qed jilgħab fil-logħba li t-tim ta’ Pariġi kellhom ma’ Nantes il-Ħadd filgħaxija. Waqt l-istess serqa, li ġiet deskritta bħala vjolenti, l-familja ta’ Di Maria nżammet ostaġġ sakemm l-aggressuri ħarbu minn fuq il-post.
Di Maria nbidel fit-62 minuta tal-partita fejn mal-ħruġ tiegħu minn ġol-grawnd ingħata l-aħbar xokkanti mill-maniġer tat-tim Mauricio Pochettino.
L-aħbar xxokkjat lit-tim kollu anki fl-isfond li fiż-żmien li għadda l-plejer Marquinhos kien ukoll spiċċa vittma ta’ serqa simili. Fil-konferenza stampa ta’ wara l-partita, l-maniġer ta’ PSG saħaq li bl-aħbar tas-serqa t-tim tilef il-konċentrazzjoni kollha li kellu fuq il-logħba u probabilment kienet il-fattur prinċipali li wassal għat-telfa ta’ 2-1 kontra Nantes.