Raġel ta’ 47 sena residenti l-Imġarr, qed isofri minn ġrieħi gravi wara li safa’ aggredit f’dik li allegatament kienet serqa. L-inċident seħħ kmieni dalgħodu waqt li l-vittma kien fi triqtu lejn l-għalqa tiegħu fi Triq Burmarrad, San Pawl il-Baħar.
Minn investigazzjonijiet preliminari li għamlu l-Pulizija mid-Distrett tal-Mosta, irriżulta li waqt li r-raġel kien qieghed fl-imsemmija triq, allegatament ġie avviċinat minn tliet persuni u talbuh il-flus li kellu fuqu. F’dan il-każ insterqet somma ta’ flus kontanti, liema ammont huwa konsiderevoli.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr C Farrugia Frendo LLD. li ordnat li ssir Inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.