Dikjarazzjonijiet ta’ ċertu studenti Universitarji kontra il-vaċċin għall-Covid-19 wassal biex l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudenti tal-Mediċina tiddistakka ruħha mill-opinjoni ta’ ċertu studenti u appellat favur it-tilqim.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li l-evidenza xjentifika turi li t-tilqima kontra l-Covid-19 hija waħda effettiva u sigura.
Uħud mill-istudenti li ħarġu kontra l-vaċċin ħadu sehem fi protesta li saret fil-Belt kontra t-tilqim iżda ma’ ONE News, is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Istudenti Daniel Agius li qed jaspiraw li jsiru tobba ħeġġeġ biex kulħadd imur u jitlaqqam kontra virus li ħa bosta ħajjiet u infetta bosta nies.
Huwa stqarr: “Il-vaċċin jipproteġik min-naħa l-oħra li jekk inti jaqbdek il-Covid, is-sintomi jkunu ħafna inqas ħorox milli kieku inti m’intix ivvaċċinat. Jiġifieri l-appell tagħna b’konformità mas-saħħa pubblika huwa li kemm jista’ jkun nies li huma eliġibbli jingħataw il-vaċċin u jieħdu l-vaċċin.”
Agius żied jgħid li l-MMSA u l-istudenti tal-mediċina taw l-għajnuna tagħhom matul il-pandemija b’bosta modi, fosthom fl-għoti tal-vaċċin.
Stqarr li fost is-seba’ mitt membru li hemm preżenti fl-MMSA, dawk li ma jaqblux mal-importanza vaċċin huma fil-minoranza.
Huwa appella sabiex n-nies joqogħdu attenti għall-informazzjoni dwar il-vaċċin, li tista’ tkun qarrieqa.
Agius sostna: “Oriġinarjament konna ħriġna kampanja ġenerali fuq il-vaċċinazzjoni li huma importanti u x’tip ta’ vaċċini hemm. Jiġifieri hemm diversi tipi, għandek il-‘live’, għandek l-‘attenuated’, għandek dawk li huma bbażati fuq l-MRNA u apparti minn hekk, dħalna wkoll fid-dettal fuq kif inhu importanti li l-miżinformazzjoni aħna nipprovaw innaqqsuha għaliex il-vaċċini inġenerali huma importanti ħafna.”
Fi stqarrija separata, il-Kunsill Mediku Malti wkoll fisser il-vaċċin bħala għodda importanti fil-ġlieda kontra l-pandemija.
Dan fl-isfond li l-awtoritajiet issa qed ilaqqmu lin-nies residenti f’pajjiżna mingħajr appuntament fosthom anki bi kliniċi mobbli li qed iduru l-pajjiż u li għalihom kien hemm konkorenza qawwija, kull fejn kienu.