Il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, flimkien mar-residenti tiegħu u rappreżentanti ta’ Nature Trust Malta organizza dik li sejjaħ ‘Sunset Discovery Walk’ fl-akwati tax-xagħri ta’ Pembroke.
Din il-mixja bdiet minn Triq Gabriele Henin, proprju fejn id-diriġenti ta’ Chiswick House School qegħdin jipprospettaw li jibnu l-iskola l-ġdida tagħhom u kompliet matul ix-xagħri li hemm fl-istess żona li fuqha hemm applikazzjoni għall-bini, u l-kumplament tax-xagħri protett, sit Natura 2000.
Permezz ta’ din il-mixja l-Kunsill u l-madwar mitt resident li attendew, komplew jisħqu li ż-żona mmarkata għall-iżvilupp u li s’issa qatt ma ġiet iddikjarata bħala ODZ, għandha l-istess karatteristiċi ekoloġiċi tal-kumplament tax-xagħri li huwa protett u li għaldaqstant, din ukoll għandha tinħareġ miż-żona tal-iżvilupp.
Fost dawk li attendew spikkaw kartelluni li jindikaw l-ammont ta’ petizzjonijiet li ġew iffirmata online kontra l-proġett propost, u n-numru kbir ta’ oġġezzjonijiet formali li saru kontra l-istess proġett fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar, ‘l fuq minn elf u ħames mitt oġġezzjoni.