L-Premier Division Standing Committee (PDSC) tinsab diżappuntata bil-kummenti li ntqalu fid-direzzjoni ta’ numru uffiċjali waqt il-laqgħa tal-kunsill tal-MFA.
Fi stqarrija il-kumitat stqarr li ma jista jaċċetta qatt li jintqalu kummenti bħal “intom toqgħodu fejn ngħidulkom”, b’ton ta’ nuqqas ta’ rispett mill-President tal-MFA, li qiegħed f’dik il-pożizzjoni biex iservi l-klabbs u mhux bil-kontra. Il-Kumitat ikkundanna l-aġir tal-President tal-MFA li ma ħalliex rappreżentanti ta’ klabbs tal-Premier jieħdu sehem fil-laqgħa tal-bieraħ u offrielhom biss żewġ alternattivi, li jekk ma jpoġġux fejn riedhom hu jitilqu ‘l barra.
Il-PDSC, fi stqarrija, spjega r-raġunijiet għaliex ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-President tal-MFA, jew ta’ xi struttura oħra tal-MFA:
- Li tiddaħħal proċedura ġdida dwar fejn u kif għandhom ipoġġu r-rappreżentanti tal-klabbs waqt il-laqgħat tal-MFA.
Il-Kumitat spjega li din il-proċedura ġdida ddaħħlet fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-MFA mingħajr konsultazzjoni mal-klabbs u lbieraħ kien stabbilit li din iddaħħlet propju minħabba r-rappreżentanti tal-klabbs tal-Premier.
Fi kliem il-PDSC, kien il-President tal-MFA li ddikjara li din is-sistema l-ġdida kienet iddaħħlet minħabba li, skont kif hu inġustament allega, rappreżentanti tal-klabbs tal-Premier kienu qed joqgħodu ħdejn xulxin waqt il-laqgħat u joħolqu forma ta’ ‘każin’.
Il-PDSC sostna li l-uffiċjali ta’ klabbs tal-Premier kienu jpoġġu ħdejn xulxin waqt il-laqgħat tal-Kunsill tal-MFA minħabba l-esiġenza li tista’ tinqala waqt laqgħat tal-Kunsill tal-MFA fejn ir-rappreżentanti tal-klabbs tal-Premier ikunu jridu jikkonsultaw bejniethom propju dwar dak li jkun qed jiġi diskuss.
Il-Kumitat saħaq li hija allegazzjoni infondata li l-laqgħat tal-Kunsill kienu qed jiġu ridotti f”każin’.
Il-PDSC temm jgħid, li se jkun qed ikompli bl-impenn tiegħu biex jaħdem għall-ġid tal-futbol Malti u tal-Premier Division u li hu dispost li jiddiskuti mal-uffiċjali tal-MFA kull proposta konkreta li t-tmexxija tal-MFA tħoss li hi valida biex ikompli jitjieb il-futboll Malti. Il-Kumitat qed iħejji numru ta’ proposti dwar riformi meħtieġa biex il-livell tal- futbol Malti jkompli jitjieb u biex ikunu attirati iktar spettaturi lejn il-logħob tal-kampjonat.