Jordan Azzopardi magħruf bħala l-El Chapo ta’ Malta saħaq fil-qorti li għandu d-dritt li jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Azzopardi ilu għal dawn l-aħħar 10 xhur jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’diversi akkużi fosthom ta’ traffikar ta’ droga u pussess aggravat ta’ kokaina, eroina u kannabis. Huwa ġie mixli wkoll li kien qed jiċċirkola flus foloz. Huwa jinsab mixli wkoll li ffroda tlett iħwienet f’San Ġwann u f’Tas-Sliema, li kellu arma bla liċenzja, li hedded raġel u kiser il-kundizzjonijiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest. F’Ottubru li għadda huwa ġie mixli wkoll li kiser liġijiet marbuta mal-ħasil tal-flus.
Intant fis-seduta tal-Ħamis filgħodu xehdu bosta esperti tal-qorti fosthom l-espert tal-kimika Emanuel Sinagra. Huwa xehed dwar għadd ta’ oġġetti li ġew ikkonfiskati mill-pulizija dwar rejd f’dar fil-Pietà fosthom foil, flixken tal-plastik u kontenitur li kien fih l-aċtu. Qal li t-testijiet żvelaw li kien hemm traċċi tal-kokaina. L-espert Kieth Cutajar xehed li ma setgħet tittieħed inforamzzjoni minn żewġ mobiles waqt li saret ħsara kbira f’mobile ieħor tal-għamla Nokia.