Matul il-lejl li għadda ċeda parti mis-saqaf ta’ fuq l-artal tal-mejda tal-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’ li tinsab fir-Rabat. B’xorti tajba l-inċident seħħ matul il-lejl u ħadd ma ndarab.
Sorsi fuq il-post qalulna li Fr Martin Coleiro, l-Gwardjan tal-Knisja, ġie assistit minn tabib minħabba x-xokk. Jidher li hemm ħsarat estensivi hekk kif l-artal tan-nofs tkisser kompletament, u l-artal li fuqu hemm it-tabernaklu xxaqqaq f’ żewġ bnadi iżda jista’ jitranġa.
Fuq il-post jingħaqdu numru mdaqqas ta’ voluntiera li bdew ineħħu t-terrapien u t-tifrik. Ser jitpoġġa tapit u fuqu folji biex joħorġu l-materjal bil-krieret sabiex ma ssirx ħsara lill-irħam tat-twiebet ta’ mal-art.
Ritratti mibgħuta lil one.com.mt juru l-ħerba li ħalla dan l-inċident fil-Knisja b’mod partikolari fis-saqaf tal-knisja li hija fost l-eqdem fir-Rabat.
Il-patrijiet Franġiskani tar-Rabat qalu li ħsara hi tant kbira li minħabba l-periklu eżistenti ħadd mhu qed jitħalla jidħol fil-knisja waqt li talbu għall-prudenza. Huma raddew ħajr lil Alla li dan seħħ bil-lejl u ħadd ma weġġa’.
Il-Ministru Ian Borg kien tal-ewwel li rreaġixxa u permezz ta’ messaġġ fuq Facebook ikkonferma li tkellem mal-Gwardjan tal-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù – Patrijiet Franġiskani fir-Rabat. Immedjatament offra kull għajnuna minn naħa tal-Gvern permezz tad-Dipartiment tax-Xogħolijiet Pubbliċi sabiex jitneħħa l-periklu.
Intant bħalissa l-Isqof Charles Scicluna jinsab fuq il-post. Huwa rringrazzja lill-Gvern Malti tal-għajnuna kollha li offera. Fuq Twitter anke esprima s-solidarjeta’ tiegħu.
Our solidarity and prayers with the Franciscan Friars Minor in the wake of the damage to their conventual Church (Ta’ Giezu) in Rabat, MT pic.twitter.com/Vd8Y3KYw0E
— Bishop CJ Scicluna (@BishopScicluna) August 23, 2017
Solidarjeta’ mal-komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani tar-Rabat https://t.co/qXzLGrRrQg
— Marie-Louise Coleiro (@presidentMT) August 23, 2017
Fi stqarrija l-Gvern ikkonferma li dalgħodu stess intbgħatu l-ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet biex joffru s-servizzi tagħhom sabiex tkun magħrufa l-ħsara li saret, wara li sfronda s-saqaf tal-Knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat u jibdew ix-xogħlijiet fuq il-Knisja kemm jista’ jkun malajr.
Il-Prim Ministru għamel kuntatt mal-Patrijiet Franġiskani Minuri u l-Arċisqof biex joffri l-għajnuna tal-Gvern.
Matul il-jum il-Prim Ministru se jkun qed iżur lill-Patrijiet Franġiskani biex iwassal is-solidarjetà tiegħu għall-inċident sfortunat.
Il-Ministru tal-Finanzi qed joffri wkoll l-għajnuna permezz tal-Good Causes Fund.
Il-Patrijiet Franġiskani fetħu fond ta’ emerġenza fejn wieħed jista’ jgħin sabiex jgħati l-kontribuzzjoni tiegħu: BOV A/C 40020868884.
Fi stqarrija l-Bank of Valletta wiegħed l-għajnuna tal-Bank biex jassisti fir-restawr tal-Knisja ta ‘Santa Marija ta’ Ġesù (Ta Giezu) fir-Rabat.