Attentat minn Arnold Cassola fuq il-midja soċjali biex iżeblaħ il-ħidma tal-Gvern fil-qasam artistiku, spiċċa sfaxxa fix-xejn.
Mhux talli hekk, talli ġibed lejh ammont sostanzjali ta’ kritika għall-mod ta’ kif ipprova jqarraq b’sitwazzjoni għall-gwadann politiku.
Fil-fatt, fil-mira ta’ Cassola kien hemm il-programm estensiv ta’ attivitajiet kulturali, artistiċi u mużikali f’kull rokna ta’ Għawdex matul is-sajf kollu, li nieda d-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Kien hawn li Cassola, b’mod qarrieqi silet ritratt minn attivitá partikolari fl-Imġarr biex iżeblaħ dan l-avveniment partikolari.
Madankollu, minflok sab nies jappoġġjaw il-kritika tiegħu, Cassola, li kuljum iniedi kruċjata ġdida kontra l-Gvern, sab biss minn jikkritikah.
Fost l-oħrajn, kien hemm min bil-provi xejjen dak kollu li sostna Cassola b’rabta mal-volum għoli, li kienet tikkararettizza l-attivitá.
Dawn il-persuni rrimarkaw li, filwaqt li Cassola pprova jżeblaħ l-avveniment artistiku msejjes fuq il-ħiliet ta’ artisti ta’ talent, hu lanqas biss kien preżenti fuq il-post.
Persuna partikolari tenniet li Cassola għandu jieqaf ixerred il-gideb biex iwassal biss l-aġenda personali tiegħu.
Waqt li persuna oħra wkoll ma qablitx ma’ dak li ddikjara Cassola. Din sostniet li l-attivitá artistika kienet proġett tajjeb ħafna li jippromwovi t-talent lokali, filwaqt li joffri gost għall-persuni tal-lokal u viżitaturi oħrajn.
Quddiem din il-kritika, Cassola, evidentement skomdu bir-reazzjonijiet li qanqal, neħħa l-istqarrija fil-post li tella’ fuq Facebook.