Aktar minn mitejn u sebgħin persuna avviċinaw lill-pulizija matul is-sena li għaddiet b’rabta ma’ serq ta’ informazzoni bankarja mill-ATMs f’Malta. Dan ir-reat magħruf ukoll bħala skimming jista’ jolqot direttament lil kull persuna li ssofri danni finanzjarji kawża ta’ transazzjonijiet mhux awtorizzati.
Wieħed minn dawk li ngidmu qal fuq paġna tal-midja soċjali Facebook li minn sempliċiment transazzjoni ta’ tletin ewro li seħħet tlett ġimgħat ilu minn magna tal-ATM ta’ kumpanija terza, il-ġimgħa l-oħra ġie mgħarraf li saru tlett transazzjonijiet mill-Indonesja li jlaħqu mas-sitt mitt ewro .
L-ispettur Matthew Vella mis-Sezzjoni ta’ kontra r-reati ekonomiċi spjegalna eżattament kif taħdem din is-sistema ta’ frodi fejn qal li hawn żewġ tipi ta’ skimming: dik tradizzjonali fejn l-iskimmer titwaħħal fuq in-naħa ta’ barra tal-atm u li bħalu hawn diversi forom li jissejħu kameras u l-mobile phone li l-komponenti tiegħu jiżżarmaw fejn hemmhekk b’dan l-apparat li jeħel mal-atm, jiġbed dejta bħal mhija pin number
Bid-dejta li l-kriminal ikun ġabar f’anqas minn tmien sigħat huwa mbagħad jagħmel użu minn kard vojta bil-pin number miktub fuqha liema kard tkun kopja ta’ wahda awtentika.
Is-sena li għaddiet il-pulizija Maltija rnexxielha taqbad sitt persuni bi tlieta minnhom tressqu l-qorti u weħlu sentenza ta’ ħabs. Dan ir-reat iġorr piena massima li tlaħħaq mat-tletin sena priġunerija. Kull min jisfa vittma ta’ dan ir-reat għandu minnufih jagħmel rapport għand il-pulizija u jinforma lill-Bank.