Id-diretturi ta’ Falcon Funds, fosthom l-eks Ministru Tonio Fenech irtiraw kawża li għamlu kontra l-Aġenzija Żvediża għall-Pensjonijiet.
Din kienet waħda mill-miżuri li Tonio Fenech u sħabu fil-bord tad-Diretturi ħadu fl-eqqel tal-investigazzjoni dwar il-fond li qed ikun allegat li uża tattiċi frodulenti fil-konfront ta’ pensjonanti Żvediżi.
Minkejja li l-każ kien ixxokja fl-Iżvezja, l-eks Ministru Tonio Fenech dejjem sostna li kollox sar sew. Dikjarazzjonijiet f’dan is-sens għamilhom fis-Sajf li għadda, meta għad-domanda “tħoss li mxejtu tajjeb mal-klijenti?” wieġeb “Iva, imxejna b’dak kollu li hu suppost”.
Biex isostnu dan, id-diretturi kienu marru l-Qorti jilmentaw mill-fatt li l-Aġenzija Żvediża għall-Pensjonijiet kienet neħħiet il-fond minn fuq il-pjattaforma tagħha.
Filwaqt li kien hemm każi fejn id-deċiżjoni kienet diġa’ ttieħdet kontra Falcon Funds u jirriżulta li kien għad baqa’ proċess pendenti.
Proċess li ta’ Falcon Funds issa rtiraw ftit wara li Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, iddeċidiet li l-fond għandu jgħaddi f’idejn Awdituri Indipendenti biex jamministrawh huma.
X’aktarx id-deċiżjoni ttieħdet għax bil-passi li ħadet l-MFSA, kull sforz ta’ Falcon Funds issa huwa wieħed inutli.
Bħal f’każi oħra, osservaturi tal-qasam finanzjarju jsostnu, li d-diretturi dejjem għandhom ċertu responsabbiltà xi jġorru. U f’dan il-każ saħansitra daħlu jinvestigaw il-pulizija fl-Iżvezja.
F’kull punt, l-eks Ministru Fenech dejjem sab lill-Kap tal-Oppożizzjoni bħala spalla. Mistoqsi dwar Tonio Fenech, it-tweġiba tiegħu kienet : “Tonio Fenech diġà iddefenda lilu nnifsu fid-dettall. Ħadd ma mer li qal hu. M’għandi xejn xi nżid, għax dak li qal huwa fattwali”.