Kritika qawwija minn bnadi differenti waslet biex id-deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi, jirtira r-rapport lill-pulizija kontra l-ġurnalist ta’ ONE NEWS.
Għalkemm fl-istess ħin fi stqarrija ppubblikata dalgħodu xorta waħda ma wieġeb xejn mill-mistoqsijiet li qamu fl-aħħar jiem. Speċjalment wara li kienet ippubblikata x-xhieda ta’ Żaren Vassallo u ngħataw dettalji li tal-Marsovin ħarku lilu bħala xhud.
Azzopardi qal li dik tiegħu lbieraħ kienet “deċiżjonijiet mgħaġġla”. Fil-fatt ħafna interpretawha bħala deċiżjoni mgħaġġla ta’ xi ħadd li jinsab f’paniku għaliex inqabad f’wieħed mill-ikbar skandli fl-istorja b’rabta mad-Dipartiment tal-Artijiet.
- Jason Azzopardi għandu jagħmel dak li qallu jagħmel l-Awditur Ġenerali
Fid-dawl ta’ aktar fatti li qed ikomplu jippuntaw is-swaba kollha lejn Jason Azzopardi u l-involviment tiegħu mill-bidu sal-aħħar fl-iskandlu tal-Lowenbrau, l-eks Ministru responsabbli mil-lands għandu jerfa’ r-responsabiltà kif qallu jagħmel l-Awditur Ġenerali fir-rapport li ppubblika f’Diċembru li għadda. Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija.
Il-Partit Laburista qal li huwa ċar li l-marki ta’ swaba ta’ Jason Azzopardi jinsabu kullimkien:
- Kien l-uniku eks-Ministru indikat bħala xhud mill-Marsovin dwar dan id-deal f’kawża li għandhom ma’ Zaren Vassallo;
- Azzopardi stess qed jgħid li għamel kollox: l-ittra tal-2011, l-esekuzzjoni tal-kompromess permezz tal-ħatra tat-3 periti u l-kuntratt tal-2012;
- Xhieda ġuramentata fil-Qorti ta’ Zaren Vassallo u d-dikjarazzjoni ta’ Tonio Fenech jippuntaw subgħajhom lejn il-Ministru responsabbli tal-lands, ċioe’ Jason Azzopardi;
- Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali jsemmi lil Azzopardi bħala l-Ministru responsabbli;
Jason Azzopardi ma jistax jibqa’ jaħrab mill-mistoqsijiet u għalkemm huwa tajjeb li jitlob skuża lill-ġurnalisti li lbieraħ kienu qed jagħmlu xogħolhom, u li huwa prova jostor, l-ikbar skuża jrid jitlobha lill-poplu Malti u Għawdxi ta’ dan l-iskandlu u jagħmel dan biss billi jagħmel dak li qallu biex jagħmel l-Awditur Ġenerali.