Żewġ Ministri ewlenin tal-Gvern tar-Renju Unit irriżenjaw wieħed wara l-ieħor f’dik li qed tiġi deskritta bħala daqqa ta’ ħarta kbira għall-Prim Ministru Boris Johnson.
Is-Segretarju tal-Istat għas-Saħħa u l-Ħarsien Soċjali, Sajid Javid, qal li rriżenja għax tilef il-fiduċja f’Johnson.
Ftit minuti biss wara, irriżenja l-Ministru tal-Finanzi, Rishi Sunak.
Wara dawn ir-riżenji, kien hemm ukoll oħrajn minn uffiċjali tal-Partit Konservattiv, fosthom tal-Viċi President tal-partit, Bim Afolami, li rriżenja waqt intervista fuq it-televiżjoni. Id-deputat parlamentari Andrew Murrison, min-naħa tiegħu, telaq mill-kariga tal-mibgħut ta’ Johnson għall-kummerċ.
Dawn ir-riżenji kollha seħħew wara sensiela ta’ skandli li wasslu biex naqset bil-kbir il-popolarità ta’ Boris Johnson. Dawn jinkludu festini bl-alkoħol fil-qalba tal-Gvern waqt il-lockdowns tal-Covid-19.
Ix-xahar li għadda Johnson issopravviva vot ta’ fiduċja li ttieħed fil-Partit Konservattiv, iżda xejn inqas minn 41 fil-mija vvutaw biex jitlaq.