Is-Sindku ta’ Birżebbuġa, Kevin Barun, irriżenja mill-kariga ta’ Sindku għal raġunijiet personali. Huwa ħabbar dan fuq il-profil tiegħu fuq is-sit soċjali Facebook fejn stqarr li ma setax ikompli jokkupa din il-kariga minħabba li bil-bosta impenji li ġġib magħha l-kariga ta’ Sindku, jittiekel il-ħin allokat għall-familja.
Huwa rringrazzja lill-Gvern u lill-entitajiet kollha li kienu ta’ sostenn importanti u għall-ħidma bla heda li saret f’Birżebbuġa.
“Nirringrazzja lid-diversi entitajiet, Ministeri, Dipartimenti u lill-Gvern ċentrali li tawna s-sostenn tagħhom speċjalment fuq ix-xogħol li sar f’Birżebbuġa fosthom bini ta’ toroq ġodda, il-pixxina li kienet ilha mitluqa għal snin twal, il-ground tal-Futbol, ix-xogħol biex jitneħħew it-tankijiet tal-gass mill-impjant 31 ta’ Marzu u l-impenn biex il-freeport ma jibqax jikber fuq ir-residenti.”