Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol irċieva u aċċetta r-riżenja ta’ Philip Rizzo minn Kap Uffiċjal Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada.
Fi stqarrija tal-Ministeru tal-Edukazzjoni intqal li “fl-ittra tar-riżenja, Rizzo jagħmel allegazzjonijiet foloz u bla bażi kontra l-Ministru Evarist Bartolo li b’xi mod jew ieħor żamm milli jirraporta każi ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.”
Dan il-fatt qed jiġi miċħud kategorikament fl-ittra li l-Ministru bagħat lil Rizzo u li kienet ippubblikata. Saħansitra jirriżulta li l-Ministeru tal-Edukazzjoni rrapporta allegazzjonijiet dwar tmexxija ħażina fl-FTS qabel Rizzo.
Iktar minn hekk il-Ministru Bartolo bagħat l-ittra ta’ Rizzo, u t-tweġiba għaliha, lill-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni, lill-Internal Audit and Investigations Department, u lill-Kummissarju tal-Pulizija, u offra l-koperazzjoni sħiħa tiegħu.
L-istess għamel is-Segretarju Permanenti bir-risposta tiegħu lis-Sur Rizzo, fejn bagħat l-ittra tiegħu lill-awtoritajiet imsemmija.
Intant, fl-ittra ta’ riżenja tiegħu Rizzo kellu kliem iebes għall-Ministeru tal-Edukazzjoni u qal li minkejja li se jirriżenja se jikkopera mal-Pulizija mal-IAID u l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Koruzzjoni. Fil-fatt żvela li l-Kummissjoni sejħitlu biex jixhed. Xi ħaġa li għamel ilbieraħ.