Professur Assoċjat Affiljat mal-Università ta’ Malta rriżenja mill-pożizzjoni tiegħu.
L-Università ħabbret dan fi stqarrija b’reazzjoni għal filmat li deher fuq il-mezzi soċjali u saħansitra fuq il-midja internazzjonali ta’ studenti jiżfnu u jkantaw fl-istess waqt li qed issir eżaminazzjoni ta’ katavru.
Il-Professur li rriżenja hu Cristoforo Pomara, Professur tal-Mediċina Forensika mill-Università ta’ Katanja, li kien jipprattika wkoll fl-Università ta’ pajjiżna.
Fl-istqarrija tagħha, l-Università ta’ Malta spjegat li l-istess Professur, li organizza din is-sessjoni u kien responsabbli minn dawn l-istudenti, mhux se jkun mistieden aktar għal sessjonijiet simili.
B’reazzjoni għall-filmat imxandar, l-Università ta’ Malta sostniet li hi għandha l-ogħla rispett għall-katavri użati f’sessjonijiet ta’ taħriġ mediku u għal din ir-raġuni kkundannat l-azzjonijiet tal-persuni fil-filmat imxandar.
Tenniet ukoll li dawn it-tip ta’ korsijiet għandhom isiru b’mod dekoruż u b’rispett lejn il-katavri użati u persuni li jiddeċiedu li jħallu l-katavru tagħhom wara mewthom għal skopijiet edukattivi ħaqqhom biss l-ogħla rispett.