Wara l-inċident li seħħ fil-jiem li għaddew bejn part-time visiting lecturer fl-Università ta’ Malta u student, Stephen Florian informa lill-Università li kien qed jissottometti r-riżenja tiegħu b’effett immedjat.
Ir-riżenja tas-Sur Florian ġiet wara li fi tmiem il-ġimgħa għamel apoloġija pubblika dwar kummenti li kien għamel fir-rigward tal-istudent.
Florian huwa parti mill-Għaqda Patrijotti Maltin, u tkellem b’mod aħrax fil-konfront ta’ Alex Caruana, wara li Caruana pprotesta kontra manifestazzjoni tal-Għaqda. Florian tella’ kitba fuq Facebook, fejn żvela dettalji dwar is-sesswalità ta’ Caruana.
L-Università ħadet nota tal-iżviluppi u laqgħet ir-riżenja tas-Sur Florian.
L-Università għal darba oħra ttenni li tħaddan id-diversità u tipprovdi ambjent akkoljenti għat-tagħlim lil aktar minn 12,000 student, li jinkludu ’l fuq minn elf student undergraduate u postgraduate minn 92 pajjiż. Il-komunità akkademika hija minnha nnifisha internazzjonali u diversa.