L-eks Sindku Laburista ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima, irriżenja minn kunsillier f’din il-lokalità. Dan minħabba n-nuqqas serju ta’ governanza tajba fil-Kunsill, li llum qed jitmexxa minn maġġoranza Nazzjonalista u mill-eks Ministru Nazzjonalista Ċensu Galea.
Grima ħabbar dan f’kitba fuq il-midja soċjali.
Fl-ittra tar-riżenja, li ppubblika, Grima kiteb li s-Sindku Ċensu Galea qed jagħżel id-diviżjoni minflok il-kollaborazzjoni.
Qal ukoll kif in-nuqqas ta’ trasparenza, ksur ta’ regolamenti u miżinformazzjoni saru l-ordni tal-ġurnata f’dan il-gvern lokali.
Hawnhekk semma kif it-tmexxija tal-Kunsill żammet milli jiġu diskussi żewġ “riżoluzzjonijiet speċjali”, li tressqu minn ħames kunsillieri u ddeskrivih bħala każ ċar ta’ mminar tal-liġi u attentat biex jingħalaq ħalq il-kunsillieri l-oħrajn.
Spjega kif dawn ir-riżoluzzjonijiet tressqu, hekk kif il-kunsillieri ġew żġwidati meta ngħataw informazzjoni skorretta f’aktar minn okkażjoni waħda.
B’dan wassal biex għaqda mhux governattiva ġiet diskriminata u sofriet danni finanzjarji intortament minn Kunsill immexxi minn Ċensu Galea.
F’Jannar li għadda, is-Soċjetà Mużikali San Pawl f’San Pawl il-Baħar qalet kif kienet iddiżappuntata ferm għall-fatt li, għall-ewwel darba, kemm ilu jeżisti l-Kunsill, Sindku aġixxa b’mod skorrett fil-konfront tagħha.
Is-soċjetà rreaġixxiet għall-aġir irresponsabbli ta’ Ċensu Galea, li żgwida lill-Kunsill dwar korrispondenza magħha.