Is-Segretarju Eżekuttiv tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja, l-FATF, irriżenja mill-kariga, b’sit ewlieni dwar il-ħasil ta’ flus jgħid li din ir-riżenja waslet minħabba n-nuqqas ta’ indipendenza tal-FATF.
ACAMSmoneylaundering.com sostniet li David Lewis ilu li rriżenja mit-23 ta’ Settembru li għadda.
Lewis kien jokkupa l-ogħla kariga eżekuttiva tal-FATF.
Huwa kien għadu kif kien mgħarraf li l-kuntratt tax-xogħol tiegħu mal-FATF ġie mġedded bi tliet snin oħra iżda fl-ittra tar-riżenja, Lewis kiteb lill-kollegi tiegħu u qalilhom li jispera li min ġej floku jintgħażel bil-ħaqq, kif kien magħżul hu.
“Nappella biex il-ħaddiema tal-FATF jibqgħu jkunu professjonali u jaħdmu fl-FATF mingħajr biża’ jew favur”, kiteb Lewis.
Kelliem għall-FATF ikkonferma r-riżenja tas-Segretarju Eżekuttiv iżda ma kkummentax iżjed dwar dak li kiteb Lewis.
L-FATF titmexxa b’sistema ta’ Presidenza li ddur madwar il-pajjiżi msieħba fiha u bħalissa qiegħda f’idejn il-Ġermanja.
F’isem il-Ġermanja hemm Marcus Pleyer, li huwa l-ewwel wieħed li qed imexxi l-FATF għal sentejn wara tibdil li kien sar, hekk kif qabel it-terminu tal-Presidenza tal-FATF kien ta’ sena.
Tom Keatinge, Direttur taċ-Ċentru għall-Istudji dwar is-Sigurtà u l-Kriminalità Finanzjarja f’Istitut f’Londra, saħaq li l-ittra tar-riżenja ta’ Lewis tqajjem mistoqsijiet kbar dwar l-operat tal-FATF, u jekk din hiex influwenzata minn xi ħadd b’mottivi politiċi.