L-uffiċjal Awstrijak inkarigat mix-xiri tal-vaċċin irriżenja mill-kariga tiegħu.
Dan ftit jiem biss wara li l-Kanċillier tal-pajjiż, Sebastian Kurz ilmenta li Malta rċeviet wisq dożi tal-vaċċin hekk kif allega li pajjiżi bħal Malta għamlu ftehim sigriet ma’ kumpaniji farmaċewtiċi sabiex jirċievu iżjed dożi tat-tilqim.
Fil-fatt, il-Ministru għas-Saħħa fl-Awstrija Rudolf Anschober, it-Tnejn filgħodu qal li l-uffiċjal Clemens Auer għarfu bir-riżenja tiegħu.
Anschober spjega li l-ħidma ta’ Auer wasslet sabiex l-Awstrija ma xtratx biżżejjed dożi tal-vaċċin.
Sostna wkoll li saħansitra Auer ma għaddilux informazzjoni li l-Awstrija setgħet tordna aktar dożi tal-vaċċin minn riżerva ta’ dożi li ma ntużawx minn stati membri Ewropej oħrajn.
Din ir-riżenja tipponta lejn proċess dgħajjef ta’ xiri ta’ dożi tal-vaċċin mill-Awstrija.
Flimkien mal-kritika ta’ Kurz ftit tal-jiem ilu fil-konfront ta’ Malta, ingħaqdu wkoll l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Islovenja u l-Latvja hekk kif ilmentaw li hemm diskrepanza fid-distribuzzjoni tal-vaċċin kontra l-Covid-19 bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
L-allegazzjonijiet minn Kurz ġew miċħuda kemm mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u anke mill-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Prim Ministru ta’ Malta saħaq li l-Gvern ħadem b’mod leġittimu iżda intelliġenti u aggressiv għax-xiri tal-vaċċin.
Dan permezz ta’ mekkaniżmu komuni għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.