Il-Prim Ministru Ingliż, Theresa May, qed tħabbat wiċċha ma’ problema oħra.
Dan hekk kif kmieni t-Tnejn filgħodu, midja internazzjonali madwar id-dinja rrappurtaw li l-Ministru għall-Ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fil-Kabinet tagħha, David Davis, tefa’ r-riżenja tiegħu.
Fl-ittra tar-riżenja, mingħajr ħafna tidwir mal-lewża, Davis jgħidilha li hemm ħafna affarjiet li ma jaqbilx magħha dwarhom.
Fost oħrajn isemmi għadd ta’ kwistjonijiet, bħall-mod kif qed isiru n-negozjati, li fi kliemu qed jiġu orkestrati minn Brussell, sal-mod kif ġie deċiż it-teritorju tal-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq f’Diċembru li għadda.
Hu jgħidilha ċar u tond, li fuq dawn il-kwistjonijiet, jaf maż-żmien hi tingħata r-raġun u hu t-tort – iżda xorta waħda ma jistax jaħdem ma’ xi ħadd li ma jaqbilx miegħu.
“Minkejja li maż-żmien jaf joħroġ li jien kont żbaljat u int kellek raġun, ma nistax fil-pożizzjoni tiegħi ta’ Ministru tal-Istat nimxi warajk mingħajr ma nemmen fir-rotta li qbadt. Jixraqlek nies li huma entużjasti. B’hekk se jkolli nirriżenja,” qal Davis fil-May fl-ittra tiegħu.
Intant, mal-Ministru Davis telqu wkoll żewġ ‘junior ministers’ fil-Ministeru tiegħu, li wkoll ħassewhom skomdi jiffurmaw parti mill-Kabinet ta’ May.