Il-kowċ tal-klabb tal-futbol tas-Siġġiewi rriżenja wara li deher filmat ta’ ikla bejn il-plejers tat-tim u li fiha ixxandar filmat espliċitu ta’ tfajla Maltija fuq it-televiżjoni tal-istabbiliment li kienu fih.
Il-filmat li xxandar fuq it-televiżjoni kien beda jinxtered fuq il-meżżi soċjali minn jiem qabel.
Fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, Trevor Thomas ħabbar ir-riżenja tiegħu minn kowċ tat-tim tal-futbol iżda saħaq li hu la kien involut u għamel li seta’ biex jitwaqqaf kollox.
Jirriżulta li xi ħadd preżenti waqt l-ikla qabbad il-mobile tiegħu mas-sett tat-televiżjoni f’ħanut fl-Imsida u xxandar filmat ta’ tfajla Maltija għarwiena.
F’messaġġ ta’ Whatsapp li ppublika fuq il-profil tiegħu, Thomas qal li tefa’ r-riżenja tiegħu, anke biex jiddiżassoċja ruħu minn dan l-att.
Pubblikament huwa skuża ruħu kemm mal-plejers u anke mat-tfajla inkwistjoni.
Huwa appella biex minn għandu dan il-filmat ma jkomplix jitfa’ l-melħ fuq il-ferita għax sitwazzjonijiet bħal dawn jaf ikollhom konsegwenzi koroh.
Intant permezz ta’ stqarrija fuq Facebook il-klabb ta’ Siġġiewi FC qal li fid-dawl ta’ dawn l-aħħar żviluppi, il-kumitat illejla stess iltaqa’ b’urġenza.
Il-klabb sostna li jiddiżassoċja ruħu mil-filmat li nxtered u jikkundanna bil-qawwa dak li ħareġ fil-pubbliku. Qal ukoll li juri s-solidarjetà mal-persuni kkonċernati filwaqt li bdew l-investigazzjonijiet interni.
Il-klabb temm jgħid li se jkun ta’ għajnuna fi kwalunkwe investigazzjoni li ser issir mill-awtoritajiet.
Jirriżulta li l-filmat tat-tfajla nxtered u nifhmu li l-pulizija qed tinvestiga dan l-att.