Fi stqarrija tħabbar li l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ġie infurmat miċ-Chairperson tal-Bord tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni li rċieva l-ittra ta’ riżenja tas-Sur Jesmond Muscat mill-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Awtorità.
Il-Ministru Jonathan Attard aċċetta r-riżenja, filwaqt li nnota u apprezza l-ħidma li wettaq is-Sur Muscat biex jissaħħaħ il-qafas regolatorju, jimmodernizza l-infrastruttura tal-Awtorità u jiġu mwettqa numru ta’ riformi.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Ministeru jħares ’il quddiem biex jiġi appuntat Kap Eżekuttiv ġdid biex tkompli tissaħħaħ l-Awtorità u titkompla l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-Gvern u r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika.