David Dalli, Kunsillier fil-lokalità ta’ San Ġwann, irriżenja minn kull kariga fil-Partit Nazzjonalista filwaqt li mil-lum se jkun qed jirrappreżenta l-lokalità ta’ San Ġwann bħala kunsillier indipendenti.
Din ir-riżenja tal-lum issegwi bosta oħra hekk kif sigħat biss wara mindu laħaq Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, kienu tliet nisa li taw ir-riżenja lill-partit u issa qed iservu fil-Kunsill bħala Kunsilliera indipendenti. Fost il-kunsilliera hemm: Deborah Mifsud mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara; Doriana Portelli mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa; u Charmaine Aquilina mill-Kunsill Lokali tal-Marsa.
Intant, il-Ħadd filgħaxija, Louise Tedesco li ilha għal snin twal tappoġġja l-Partit Nazzjonalista ħabbret li wkoll irriżenjat minn kull kariga fil-Partit Nazzjonalista, madanakollu, Tedesco mhix se tibqa’ Kunsilliera fil-Kunsill Lokali tal-Ħamrun. Il-preżentatriċi li għal snin twal għamlet programmi fuq in-NET, qalet ukoll li temmet ix-xogħol tagħha ma’ NET TV.