Ikompli joħroġ fid-dieher id-diżgwid fil-Partit Nazzjonalista hekk kif irriżenja s-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-Partit, Rudolph Marmarà, sena u nofs biss wara li nħatar fil-kariga.
Sorsi ta’ One News fid-Dar Ċentrali qalu li Marmarà kien qrib ħafna ta’ Bernard Grech; fil-fatt, kien wieħed mill-aħħar nies li Bernard Grech seta’ jgħidli kienu “tiegħu”.
Il-portal Lovin Malta qal Ii Marmarà nnifsu kkonferma li kien ta r-riżenja u li se jitlaq fil-jiem li ġejjin. Huwa qal li qed jagħmel dan għal “raġunijiet personali”.
Din ir-riżenja ssegwi oħrajn li seħħew fix-xhur li għaddew, fosthom tad-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Simon Vella Gregory, f’Novembru. Huwa kien ilu fil-kariga inqas minn sena.
Ftit qablu, irriżenjat Il-President għar-Riċerka Politika tal-Partit Nazzjonalista, Martina Caruana.
Tliet xhur qabel, f’Awwissu, kien abbanduna l-bastiment l-assistent personali ta’ Bernard Grech, Jeremy Gingell.