Komplew ir-riżenji fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech.
Boris Xerri, wieħed mid-delegati tal-Partit Nazzjonalista fil-Kummissjoni Elettorali, irriżenja mill-pożizzjoni, għal dawk li sejjaħ bħala “raġunijiet personali”.
Fuq il-faċċata tal-gazzetta KullĦadd, ġie rrappurtat li Xerri kien il-magħżul ta’ Bernard Grech appena dan laħaq Kap fl-elfejn u għoxrin, u kien imexxi l-proċessi elettorali interni tal-Partit.
Għadu mhux magħruf jekk Xerri rriżenjax ukoll minn din il-pożizzjoni fil-Partit Nazzjonalista.
Is-sorsi tal-gazzetta KullĦadd mid-Dar Ċentrali qalu li flok Xerri, se jidħol Alex Vassallo.
Żewġ delegati għall-partiti fil-Parlament jinħatru bis-saħħa tal-liġi, biex jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni Elettorali bid-deċiżjonijiet li jittieħdu minnha. Huma għandhom dritt li jiksbu kull tagħrif marbut max-xogħol fl-Uffiċċju Elettorali.
Fl-2017, meta Adrian Delia laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista, Xerri kien tneħħa flimkien ma’ Matthew Mangion, li kienu d-delegati magħżulin minn Simon Busuttil.
Taħt Delia, tpoġġew Angelito Sciberras u Antoine Portelli, ħu Pierre Portelli, l-eks kap tal-midja Nazzjonalista.
Meta Adrian Delia tqaċċat minn Kap Nazzjonalista, Sciberras u Portelli bagħtu ittra konġunta biex jinżgħu minn din ir-responsabilità Kostituzzjonali, fejn qalu li kienu qed “jagħmlu l-wisa’ lil ħaddieħor”.
Sciberras irriżenja wkoll minn direttur tal-ELCOM, il-fergħa Nazzjonalista li tieħu ħsieb il-proċessi elettorali, wara laqgħa taħraq tal-Eżekuttiv.