Ir-raba’ riżenja fil-Partit Nazzjonalista f’inqas minn ġimgħa.
Angelito Sciberras irrizenja mill-kariga tad-Direttur tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, l-Elcom.
Żvelat dan The Malta Independent. B’sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li apparti Sciberras irriżenjaw ukoll xi uffiċjali oħra minn dan l-uffiċċju importanti fil-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia rċieva l-ittra ta’ rizenja ta’ Sciberras wara li Francis Zammit Dimech inħatar b’mod temporanju segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Fuq Facebook, fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu wara l-laqgħa taħraq tal-eżekuttiv, Angelito Sciberras tefa’ ritratt ta’ ħamiema ttir, simbolu tal-libertà.
Fuq dan ir-ritratt, b’messaġġ qawwi minn Sciberras li issa jinsab ħieles mill-Partit Nazzjonalista u mill-ġlied intern, ikkummentalu l-eks Kap tal-midja Nazzjonalista Pierre Portelli li qabel ma ħareġ għall-aħħar darba mid-Dar Ċentrali f’Ġunju li għadda bħala Kap tal-Midja Nazzjonalista kien stqarr li l-Partit Nazzjonalista ried jitnaddaf minn persuni li għandhom intenzjonijiet ħżiena.
“Grazzi ta’ kollox Angelito” kiteb Pierre Portelli.
Din kienet ir-raba’ riżenja fil-partit nazzjonalsita f’inqas minn ġimgħa.
Il-Ħamis li għadda Robert Arrigo ħabbar li se jirrizenja minn viċi kap nazzjonalista. Segwitu Kirsty Debono li ħabbret ir-riżenja tagħha minn President tal-Kunsill Ġenerali. Clyde Puli ħabbar li rriżenja minn segretarju ġenerali l-Ġimgħa wara li ddikjara li għadd ta’ Deputati Nazzjonalisti u ċirku ta’ nies madwarhom ma ħallewhx jaħdem.
Kemm Arrigo, Debono u Puli qalu li rriżenjaw għax ma felħux għal aktar bsaten fir-roti mill-fazzjoni tal-eks kap nazzjonalista Simon Busuttil. Fazzjoni li qed tagħmel ġlieda bla preċedent biex terġa’ tieħu l-poter taħt idejha.