Riżenja oħra f’Tal-Pietà: din id-darba tad-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Simon Vella Gregory. Huwa kien ilu fil-kariga minn Diċembru li għadda – inqas minn sena.
Sorsi fil-PN qalu lil One News li Vella Gregory tefa’ l-ittra tar-riżenja l-Erbgħa filgħaxija u qal li qed jagħmel dan għal raġunijiet personali. Huma ddeskrivewh bħala bniedem li jaħdem ħafna u li m’għandux pretensjonijiet, iżda li fl-aħħar mill-aħħar kellu jitlaq minn postu għax ma felaħx jissaporti aktar l-intriċċi fid-Dar Ċentrali.
Il-ħatra ta’ Vella Gregory kienet ġiet approvata mill-Kunsill Amministrattiv tal-PN wara rakkomandazzjoni mit-tmexxija tal-Partit innifisha. Qablu, kien serva fil-kariga Alessandro Farrugia, li kien inħatar malli Bernard Grech laħaq Kap wara li ttajjar mill-post Adrian Delia. Iżda anki dan kien irriżenja ħin bla waqt, u wkoll qal li kien qed jagħmel dan għal raġunijiet personali.
Bħala l-persuna biex timla l-post li tbattal bit-tluq ta’ Vella Gregory, fil-kurituri ta’ Tal-Pietà qed jissemma ħafna Dione Borg, veteran tal-Partit li f’dawn l-aħħar xhur sar ħafna aktar attiv fil-Partit u qed jippretendi li jingħata xi kariga.
Fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Borg kien kandidat mal-PN iżda kklassifika qabel tal-aħħar minn fost l-għaxar kandidati li ħareġ il-PN għal dik l-elezzjoni. Bħalissa jinstema’ u jidher ħafna fil-midja tal-PN, fosthom b’intervisti lill-Kap. One News hu infurmat li, wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Borg insista bil-kbir li jkollu rwol aktar attiv fil-PN. Din il-pressjoni issa kompliet tiżdied.
Sorsi fil-PN li tkellmu ma’ One News qalu li l-fazzjoni estrema fil-PN, immexxija mid-deputati Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina, u Chris Said, qed tagħti l-appogg tagħha lil Dione Borg biex jingħata aktar saħħa fil-Partit. Hu fatt magħruf li dawn id-deputati ghandhom saħħa kbira u li l-aħħar kelma tkun tagħhom.
Fil-kampanja għall-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda, Dione Borg kien ta l-appogg pubbliku tiegħu lil Beppe Fenech Adami, li kien rival ewlieni tal-eks Kap tal-PN Adrian Delia fuq it-8 distrett elettorali.