Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili temm b’suċċess missjoni ta’ ħamest ijiem ta’ assistenza lill-poplu Libjan fil-muniċipalità ta’ Al-Asabaa, hekk kif għexieren ta’ djar inħakmu min-nirien li s-sors tagħhom ma setax jiġi stabbilit.
Matul dawn il-jiem, ħames uffiċjali Maltin, taw l-assistenza tagħhom billi analizzaw is-sitwazzjoni u mill-għarfien tagħhom issottomettew ir-riżultati preliminari tagħhom lill-Awtoritajiet Libjani għal aktar investigazzjoni. Din il-missjoni saret permezz tal-mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili, li permezz tiegħu pajjiżna qed joffri għal darb’oħra għajnuna umanitarja, kif għamel diġà fil-Libja stess, fil-Greċja u t-Turkija fost oħrajn. Missjoni li matulha kienu wkoll assistiti minn esperti internazzjonali mill-Estonja u l-Finlandja.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, kellu kliem ta’ ringrazzjament għaċ-Ċentru Nazzjonali għall-Emerġenzi, Kriżijiet u Mmaniġġjar ta’ Diżastri Libjan għall-appoġġ li tawhom fit-twettiq ta’ ħidmiethom filwaqt li tenna l-impenn tal-uffiċjali li jibqgħu jagħtu s-sostenn tagħhom kif meħtieġ, dejjem favur aktar sigurtà għall-familji.
F’kitba fuq il-mezzi soċjali, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, u x-Xogħol, Byron Camilleri, saħaq li dan kien possibbli minħabba l-investiment u t-taħriġ li qed jirċievu l-uffiċjali Maltin, u għaldaqstant wassal sabiex dawn l-uffiċjali jipproteġu lil dawk fil-bżonn kemm f’pajjiżna kif ukoll lil hinn minn xtutna.