Wara żewġ avvenimenti b’suċċess għall-kbar, fl-aħħar anke l-atleti ż-żgħar għandhom l-opportunità li jesprimu t-talent u t-taħriġ tagħhom hekk kif il-kompetizzjonijiet tal-MAAA għall-kategoriji tagħhom jirritornaw wara nuqqas ta’ erba’ xhur wara t-twaqqif tal-avvenimenti minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
Nhar is-Sibt, l-MAAA se tkun qed torganizza l-ħames meeting għall-kategoriji ta’ taħt it-12 u l-14-il sena u t-tieni wieħed għal dawk ta’ taħt is-16-il sena.
Dawn il-kompetizzjonijiet se jinkludu numru ta’ tlielaq sprint li jvarjaw mis-60m sal-400m, inkluż bil-hurdles, kif ukoll hammer, discus u ball throws u l-long jump.
Għat-tfal ta’ taħt it-12-il sena, din se tkun waħda minn żewġ okkażjonijiet li għandhom biex jiksbu d-distanzi jew ħinijiet meħtieġa biex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati għad-dħul fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport ta’ pajjiżna.
Il-President tal-MAAA Andy Grech qal li jinsabu ħerqana li jaraw lill-atleti żgħażagħ u dawk aktar żgħar lura fuq fit-trakka. Grech sostna li jinsab ċert li bl-impenn tagħhom u tal-kowċis dedikati li għandhom, matul l-ewwel nofs ta’ din is-sena, se jirnexxilhom huma wkoll jirreġistraw progress bħal ma wettqu l-atleti l-kbar tul dawn l-aħħar ħmistax.
Dawn il-kompetizzjonijiet se jsiru fil-Matthew Micallef St John Athletics Track fil-Marsa, nhar is-Sibt 11 ta’ Lulju u jibdew fit-3.45pm. L-avveniment se jkun miftuħ għall-pubbliku.
Ritratt: Wally Galea